Skip to Content

Thursday, November 14th, 2019

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali

Closed
by August 22, 2016 General

THE TIMES b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem ta’ nisa Torok qegħdin jibku t-telfa tal-qraba tagħhom wara attakk suwiċida minn tifel li kellu bejn it-12 u l-14-il sena waqt tieg f’Gaziantep, qrib il-fruntiera mas-Sirja.

Rapport tat-Times jgħid li t-tanker tal-gass li kellu jitlaq mis-Singapore fl-aħħar ġimgħat, għadu f’Singapore stess u l-ġurnal jgħid li għad m’hemmx data magħrufa għal meta se jitlaq minn hemm.

Il-ġurnal b’rapport ieħor li jgħid li s-sit tal-lukanda Jerma hu stmat b’valur ta’ 20.8 miljun ewro. Dan is-sit se jinbiegħ b’irkant f’Ottubru li ġej.

L-ORIZZONT b’rapport li jikkwota lil Patri Charles Tabone, li huwa wkoll senior lecturer fid-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta, jgħid li f’Malta hawn bżonn politika għall-familja. Sostna li fost l-għanijiet ikun hemm dik li tassisti lill-familji li qed jesperjenzaw it-tifrik.

L-Orizzont b’rapport ieħor li jsaqsi jekk Ray Bugeja, ex kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fl-2013, huwiex vuċi oħra kontra Simon Busuttil. Il-ġurnal jgħid li lbieraħ Bugeja kiteb kumment fuq Twitter li fih ma rrefera għal ħadd b’ismu imma li ftiehem minn ħafna bħala botta għat-tmexxija ta’ Dr Busuttil.

Il-ġurnal b’rapport ieħor li jgħid li wara li l-każin li kellu l-Partit Nazzjonalista f’post prominenti f’San Ġiljan inbiegħ biex il-Partit ifendi parti mid-dejn, il-partitarji Nazzjonalisti fil-lokal kienu qed jittamaw li jsibu post żgħir fejn ikunu jistgħu jinġabru flimkien.

THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem li juri t-torċa Olimpika li xegħlet għall-aħħar darba f’Rio lbieraħ, hekk kif ġew fi tmiemhom il-logħob Olimpiku. L-Olimpijadi li jmiss se jsiru f’Tokyo fl-2020.

Rapport tal-Independent jikkwota lill-ġenituri ta’ Drew Abela li f’Ġunju li għadda miet fl-età ta’ 20 sena. Huma jgħidu li huwa ta’ sodisfazzjon għalihom li permezz tad-donazzjoni tal-organi, binhom qed jgħix f’seba’ persuni oħra.

IN-NAZZJON b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem tal-ġurnal Taljan ‘La Stampa’ li fil-faċċata tiegħu għandu rapport dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment f’Malta u jsejħilha bħala fabbrika taċ-ċittadinanza.

Rapport tan-Nazzjon jikkwota lill-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil jgħid li l-Partit Nazzjonalista m’hu fil-but ta’ ħadd u qed joffri politika li minnha jista’ jgawdi kulħadd.

Il-ġurnal jikkwota lill-Ewroparlamentari Roberta Metsola tgħid li fil-Presidenza li Malta se tmexxi tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea m’hemmx it-tieni ċans, jiġifieri min se jitkellem f’isem pajjiżna jħalli mpatt fuq kif Malta se tidher quddiem l-Unjoni Ewropea.

Previous
Next