Skip to Content

Sunday, December 15th, 2019

Ikomplu l-evakwazzjonijiet wara t-terremoti fi New Zealand

Closed
by November 16, 2016 General

Bastimenti tal-gwerra Awstraljani, Kanadiżi u Amerikani jinsabu fi triqithom lejn Kaikoura, belt fi New Zealand biex jagħtu daqqa t’id fl-evakwazzjonijiet wara serje ta’ terremoti b’saħħithom laqtu lill-pajjiż.

Żewġ persuni tilfu ħajjithom meta żewġ terremoti wara xulxin laqtu ż-żona viċin Christchurch nhar it-Tnejn filgħodu, segwiti minn eluf ta’ aftershocks.

Eluf inqabdu f’Kaikoura wara li toroq u infrastruttura ġġarrfu b’mod serju. Ħafna huma turisti li kienu qegħdin iżuru d-destinazzjoni popolari biex jaraw il-baleni.

Skont is-servizz ta’ moniteraġġ tat-terremoti fi New Zealand, servizz iffinanzjat mill-Gvern, il-pajjiż s’issa ntlaqat minn mill-inqas 1,823 terremot wara dak ta’ saħħa 7.8 fuq l-Iskala Richter ta’ nhar it-Tnejn li għadda. Jidher ukoll li kien hemm ukoll 100,000 valanga ta’ tajn.

Ħelikopters bdew jevakwaw persuni minn Kaikoura lbieraħ, wara li valangi blokkaw toroq u binarji tal-ferroviji. Kien hemm problemi wkoll bil-provisti tal-ilma u tal-elettriku.

Skont in-New Zealand Herald, s’issa ġew evakwati aktar minn 400 persuna permezz tal-ajru jew bil-baħar.

Ta’ min jinnota li l-USS Sampson huwa l-ewwel bastiment militari li qed iżur New Zealand wara 30 sena. Skont il-Ministru għad-Difiża Gerry Brownlee, il-Ġappun u Singapore wkoll offrew l-għajnuna tagħhom.

Ritratt: REUTERS

Previous
Next